Nar F’Bengħisa mill-Għaqda Nar 22 ta’ Frar
Kienet is-sena 2006 meta membri tal-Għaqda Piroteknika 22 ta’ Frar iddeċidew flimkien mal-organizatturi tal-festa ta’ Bengħisa, l-iktar il-mibki Ġużeppi Schembri biex jorganizzaw ħarqa nar żgħira għall-festa tant ħelwa tal-Kunċizzjoni ta’ Bengħisa. Minnufih id-dilettanti middew idejhom biex jorganzizzaw ruħhom u dakinhar tat-8 ta’ Diċembru 2006 telgħu bix-xogħol kollu li kellhom Bengħisa. Kien hemm ftit minn kollox, ftit nar tal-Ajru u ftit tal-Art.
Malli ntemmet il-quddiesa, l-unika darba li saret b’orkestra żgħira u bil-vuċijiet solisti, sar is-soltu festin bil-kafè u l-gallettini. In-nies ħadet ħafna gost, titkellem, tixrob u tiekol u fl-istess ħin tgawdi minn dik l-atmosfera sabiħa bin-nar tal-ajru. Ftit wara nħaraq in-nar tal-Art maħdum mid-dilettanti tan-Nar tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990, mill-Għaqda Nar 22 ta’ Frar. Dakinhar ġrew il-memorji ta’ Diċembru 1990 meta l-Banda Birżebbuġa A.D. 1990 ġiet mistiedna għall-ewwel darba biex tagħmel l-ewwel marċ tagħha fl-istorja f’Bengħisa u meta l-ewwel supporters tagħha kienu tellgħu wkoll l-irdieden biex jinħarqu f’Bengħisa. Memorji li ma tista’ tinsihom qatt dawn. Kif intemm in-nar tal-art inħarqet kaxxa ħelwa ta’ stuppini li temmet iċ-ċelebrazzjonijiet f’ġieħ l-Immakulata Kunċizzjoni f’Bengħisa.
Kemm ikun sabiħ li kieku kulħadd jiftiehem flimkien u lil din il-festa nagħmluha strument ta’ għaqda u koperazzjoni bejn kulħadd. Birżebbuġa u l-għaqdiet tagħha diġa taw sinjali ċari ta’ għaqda u koperazzjoni. J’Alla dawn is-sinjali jsarrfu xi ħaġa aktar ‘il quddiem.
Għada niċċelebraw il-Festa Tal-Kunċizzjoni
Għada f’Bengħisa niċċelebraw il-Festa tal-Kunċizzjoni. Ħafna nies ikunu qed jistennew din il-ġurnata biex jerġgħu jiltaqgħu ma’ xulxin. Bengħisa m’għadux dak li kien però minkejja kollox ħafna li telqu minn dan is-subborg bħal qisu żammew it-tradizzjoni li f’din il-ġurnata jżuru t-tempju tal-Patruna tagħhom fil-ġurnata tal-festa tagħha. L-Immakulata ta’ Bengħisa tiġbed il-Bengħisin lura. Magħhom jinżlu wkoll il-Birżebbuġin. Sa minn ċkunitna niftakru din il-festa, dejjem fil-bard u l-ksieħ. L-atmosfera tal-Milied tkun qisha bħal diġà bdiet tinxtered fl-arja. Il-festa tal-Kunċizzjoni ġġib ferħ kbir fost ulied dan ir-raħal u ta’ Birżebbuġa.
Xi ritatti li ttieħdu fis-sena 2006, meta l-festa saret b’diversi ċelebrazzjonijiet xierqa.
Il-Kunċizzjoni bħala l-Omm Riparatriċi.
Huwa dak il-ferħ li ġġib omm lill-uliedha. Il-Madonna, il-mara perfetta, l-omm ta’ dak li kien minn dejjem u li qatt m’għandu tmiem, il-mara li kienet predestinata li titwieled mingħajr ebda tebgħa tad-dnub, tassew privileġġ singulari. Din il-mara mistika, li tul is-snin anke dehret lil diversi nies mad-dinja tagħti prova tal-eżistenza ta’ binha Ġesu, veru Alla. Il-Madonna, l-istess waħda li dehret lil Bernadette f’Lourdes u li hi stess stqarret li kienet l-Immakulata Kunċizzjoni, trid twasslilna mesaġġ, trid tbeżbiżna, trid tgħidilna li Alla u binha Ġesù veru eżista u għandu jerġa jiġi.
Il-festa tal-Kunċizzjoni hija l-festa tal-ubbidjenza ta’ Marija. Il-mara li tpatti għad-diżubbidjenza ta’ Eva. Fis-siegħa tal-prova Eva kienet diżubbidjenti. Naqraw fil-Ġenesi: “Kien is-serp l-aktar hajjen fost il-bhejjem kollha ta’ l-art, li kien għamel il-Mulej Alla; u qal lill-mara: ‘Tassew li qal Alla biex ma tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?’” (Gen 3,1). Eva tat widen lill-anġlu l-ħażin u kkooperat ma’ żewġha fid-dnub. Mill-banda l-oħra meta Marija rat l-anġlu Gabrijel u qalilha biex issir omm Alla, hija wieġbet: “Hawn hija l-qaddejja tal-Mulej, ikun li skont kelmtek” (Lq 1,38). Kif Eva kienet diżubbidjenti, Marija wriet bil-ħeffa l-ubbidjenza tagħha. Dan jaffermah l-innu ta’ l-Ufficcju tal-Qari tas-solennità tal-Kunċizzjoni:
Inti l-ġieħ tan-nisel tagħna,
li neħħejt il-għajb ta’ Eva;
taħt għajnejk ħanina żommna
mill-waqgħat fit-triq lejn ibnek
San Irinew jafferma din il-verità b’qawwa kbira: “Eva ġiet imqarrqa bil-kelma ta’ anġlu (jigifieri x-xitan) biex taħrab ’il bogħod minn Alla u tikser kelmtu. Anġlu wkoll ħabbar ’il Marija l-aħbar it-tajba li kellha tnissel lil Alla wara li tobdi kelmtu. L-ewwel waħda ma obdietx lil Alla; imma t-tieni waħda obdietu, u għalhekk il-verġni Marija saret l-avukata tal-verġni Eva. Kif il-ġeneru uman kien ikkundannat għall-mewt minn verġni, hekk ukoll ġie salvat minn verġni; il-miżien huwa bbilanċjat – id-diżubbidjenza tal-verġni mill-ubbidjenza tal-verġni. Filwaqt li d-dnub ta’ l-ewwel bniedem ġie rriparat mill-ewwel imwieled, hekk ukoll il-ħażen tas-serpent ġie megħlub mis-sempliċità tal-ħamiema (Marija); u aħna ġejna meħlusa mill-ktajjen tal-mewt li bihom ġejna marbuta”.
Ħsieb sabiħ ieħor insibuh fi priedka ta’ l-Għid ta’ San Ġwann Damaxxenu: “Huwa rebaħ lil Satana bl-istess armi li bihom darba ħareġ rebbieħ. Kif? Sa ngħidilkom. Verġni, siġra u l-mewt jirrappreżentaw it-telfa tagħna, u dawn it-tlieta saru l-prinċipji tar-rebħa tagħna. Minflok Eva, għandna lil Marija. Minflok is-siġra tat-tajjeb u l-ħażin, għandna l-għuda tas-salib. Flok Adam għandna lil Kristu”.
Ħsibijiet dwar l-Atmosfera Komunitarja tal-Festa ta’ Bengħisa
Fis-snin disgħin din il-festa kienet veru qed tgħaqqad il-komunità flimkien, imbagħad minħabba deċiżjonijiet xejn tajbin il-festa marret lura anzi spiċċat. Hija ħasra kif festa bħal din irriduċiet ruħha għal kif qed narawha ‘llum.
Baqgħet biss dik il-quddiesa u l-kafè li flimkien mal-gallettini imlew il-vojt li nħoloq meta l-baned ta’ Birżebbuġa ma baqgħux jitilgħu, mhux għax ma jridux imma għax ma kienx hemm stedina, jew inizzjattiva jew jekk kien hemm ġiet fgata. L-istess in-nar. Il-logħob tan-nar li tant kien sinonimu ma’ Bengħisa, illum la tara u lanqas tisma’ suffarrel wieħed. Il-konklużjoni hija waħda u negattiva. Il-festa ta’ Bengħisa mietet. Nifirħu dejjem bil-quddiesa li ssir hekk kif għandu jkun, għax l-ebda festa ma tista’ ssir barra jekk il-poplu ma jinħaqadx mal-mejda għall-ikla tal-ħaruf divin bħala komunità waħda, imma sadanittant l-atmosfera komunitarja ma baqgħetx tilħaq il-milja tagħha fuq barra. Wieħed jirringrazzja lil Ġużeppi Schembri li ħalliena snin ilu li tant kien iħobb din il-festa li kien jagħmel minn kollox biex iżommha ħajja. L-aħħar darba li veru rajtu ferħan kien meta ġie l-Isqof Mercieca fl-okkażjoni tal-150 sena minn mindu l-knisja kienet reġgħet inbniet mill-ġdid u lura fis-sena 2006 meta l-festa ġiet organizzata b’mod tassew xieraq fuq ġewwa b’permezz ta’ orkestra u bin-nar fuq barra wara l-quddiesa, liema ferħ xi ħadd għoġbu jifga jew joqtol. X’jiswew l-eloġji u l-istampi fuq il-ktieb tal-festa u fuq il-magażin ‘Flimkien’ meta mbagħad lil Ġużeppi ċaħħadnieh darba għal dejjem mill-festa li tant kien jixtieq? Ma jiswew xejn.
Fir-raħal tagħna bosta nies baqgħu mbierka għal dak li għamlu, insemmi ewlieni fosthom lil Dun Karm Frendo li kien jaf kemm il-Komunità kienet imċaħħda. Ħadem, stinka, u fuq kollox emmen. Emmen li dan il-poplu kellu bżonn jissaħħaħ fl-atmosfera Komunitarja li tant kienet nieqsa u li ma kienet qed tagħmel l-ebda ġid. Emmen li dak li kien qed jagħmel kien qaddis, f’isem Alla. Illum il-komunità tiżżiħajr lilu tal-ġid li għamel fost ħutu f’dan ir-raħal. Hemm bżonn li naraw li dan l-aspett komunitarju jissaħħaħ mhux jispiċċa fix-xejn. Kif qegħdin l-affarijiet illum, dan is-sens ta’ komunità mhux qed jilħaq il-milja tiegħu. Hemm bżonn li dan il-poplu jingħata lura dak li veru jixraqlu, jingħata lura l-ferħ u t-tbissima billi nsewwu dak li kissru u spiċċa tmermer.
Bengħisa: Storja, Devozzjoni u Ġmiel Naturali
Storja, devozzjoni u ġmiel naturali: huma t-tliet kelmiet li jiddeskrivu lil Bengħisa, dan is-subborg ħelu u ċkejken f’Birżebbuġa. Bengħisa għandu storja kbira u antika. Xhieda ta’ dawn huma l-bosta fdalijiet storiċi u siti ta’ interess li nsibu f’dawn l-inħawi, li bi sfortuna kbira dawn qegħdin mitluqa u fi stat ħażin ħafna. Ta’ interess kbir huwa l-kult Marjan f’din il-lokalita`, kult li huwa ħaj fost l-abitanti u li għandu għeruq fondi li jmorru lura fiż-żmien bikrija. Xhieda ta’ dan hija l-kappella ħelwa u antika ta’ Bengħisa u n-niċeċ fil-madwar iddedikati lil Marija, kif ukoll il-festa li ssir f’Diċembru f’ġieh il-Kunċizzjoni. Bengħisa, li huwa imżejjen b’rdumijiet u widien li jinżlu ‘l isfel mal-kosta, għandu karatterstiċi uniċi f’Malta. Madankollu, b’dieqa kbira jkollna nistqarru li l-iżvilupp industrijali f’dawn l-inħawi qerdu mhux ftit il-ġmiel naturali ta’ dan il-lokal. Mhux talli hekk imma talli sia l-poplu Birżebbuġi u sia l-poplu Bengħisi għadhom iħossuhom mhux ikkompensati biżżejjed għal dak li ħaddieħhor ħadilhom. Inħossu li f’Birżebbuġa u fis-subborgi tagħha jistgħu jsiru bosta proġetti soċjali li jroddu ftit mill-ħafna li ħaddieħor ħa biex jagħmel l-żviluppi industrijali tiegħu.
Dan il-feature t’hawn fuq bl-isem “Bengħisa: Niesha u Ġrajjietha” ittella’ mill-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa fl-2007. Dan il-feature għandu kitba ta’ Conrad D’Amato, Narrazzjoni ta’ Anton Falzon, Muntaġġ ta’ Emanuel Francalanza u Direzzjoni ta’ Arthur Grima. Prosit tassew lil dawn in-nies bravi tax-xogħol li jagħmlu b’risq il-patrimonju li hawn f’Birżebbuġa.